Kif u għaliex inħolqot l-Għaqda tal-Pawlini?

LogogtpWieħed jista jgħid li l-Għaqda tal-Pawlini rat it-twelid tagħha fis-sagristija tal-Knisja Kolleġġjata San Pawl Nawfragu meta fl-10 ta’ Frar tal-1970, il-proċessjoni bl-istatwa maestuża ta’ l-Appostlu Missierna San Pawl ma kenitx ħarġet minħabba l-maltemp.  Għalkemm dawn huma ċirkostanzi li ħadd ma jkollu kontroll fuqhom u li fil-fatt seħħew mhux darba oħra biss tul dawn il-35 sena kemm ilha teżisti l-Għaqda tal-Pawlini, f’okkażżjoni bħal din kulħadd ikun irid jgħid tiegħu u jkun hemm mitt opinjoni differenti.

Diskussjoni bħal din normalment iseħħ propju fis-sagristija tal-Knisja. Kulħadd ikun anzjuż jistenna lil min jinkariga ruħu biex min dak it-telefon fil-bidu tat-taraġ li jagħti għall-Awla Kapitolari jċempel l-Uffiċju Meterjoloġiku biex iġib il-previżjoni uffiċjali tat-temp. Oħrajn jibdew jagħtu l-previżjonijiet tagħhom.  Min isemmi l-irwieġel; kulħadd jgħid tiegħu.  Kulħadd ikun jixtieq lil Pawlu joħroġ ibierek it-toroq ewlenin ta’ Beltna, iżda f’ċirkostanzi bħal dawn tkun trid tittieħed deċiżjoni.

F’okkażjoni bħal din, ħaġa tibda titħallat ma’ l-oħra, argument iġib lil-ieħor u kulħadd jidher li jkollu raġun.  Ir-responsabbilta madankollu ma tkunx ta’ kulħadd l-istess.  Tkun f’kelma waħ-da sitwazzjoni li mhux l-ewwel darba wasslet biex tisħon xi ftit il-qiegħa.

Kienet okkażjoni minn dawn li jidher li xprunat lil grupp ta’ rġiel biex jiltaqgħu u jiffurmaw bejniethom Kumitat li b’xi mod ikun jirrappreżenta l-fehma tal-Pawlini.  Fuq quddiem nett f’dan il-grupp kien hemm is-Sur Pawlu Asciak, Pawlin ferventi, magħruf sewwa f’Malta u anke barra bħala tenur famuż ta’ l-opra lirika.

Jirrakonta hekk Pawlu Asciak dwar l-10 ta’ Frar tal-1970: “Kien wasal il-ħin tal-purċissjoni.  Il-Knisja kienet miżgħuda bin-nies, kulħadd jistaqsi jekk il-purċissjoni kenitx se toħroġ peress li t-temp kien ikraħ.  Kien hemm periklu ta’xita, kulħadd fis-sagristija jistenna d-deċiżjoni mir-Rev. Kapitlu w mill-organiżżaturi dwar x’kien se jsir.  Jien flimkien mal-ħabib tiegħi is-Sur Pawl Zammit u oħrajn ma nqasniex li ngħidu tagħna u niprotestaw.  Ridna deċiżjoni.  Fil-fatt wara konsultazzjoni ttieħdet deċiżjoni u l-purċissjoni dik is-sena ma ħarġitx.  Xi ħadd issuġerixxa li min hu nteressat fil-festa ta’ San Pawl jista jiġi wara l-festa u nitkellmu aħjar biex deċiżjonijiet bħal dawn ma jitħallewx għall-aħħar mument.”

Kien is-Sur Pawlu Asciak li avviċina lil għadd ta’ rġiel oħra li ltaqghu l-ewwel darba biex iffurmaw l-Għaqda tal-Pawlini. L-ewwel laqgħa saret fil-Każin ta’ l-Anglo Maltese fi Triq il-Merkanti, nhar il-Ġimgħa, 6 ta’ Novembru 1970.

Il-laqgħa tmexxiet minn Pawlu Asciak li minn dakinhar baqa magħruf bħala l-Fundatur ta’ l-Għaqda w aktar tard kien maħtur President Onorarju.  Kienu preżenti ħdax il-persuna oħra, ilkoll ta’ sentimenti Pawlini ndiskutibbli: Paul Degiorgio, Paul Abela, Paul Zammit, Paul Galea, Rev. P. Pawl Pisani, Emanuel Asciak, Richard Cremona, Francis Tabone, Carmelo Catania, Duminku Farrugia u Ġużeppi Sultana.

Is-Sur Asciak, skond il-minuti ta’ dik l-ewwel laqgħa, kien fisser lil dawk preżenti li l-iskop tal-Għaqda kellu jkun li l-festi f’ġieħ l-Appostlu Missierna San Pawl jieħdu xejra kif tixraq lil din il-festa li tfakkarna fl-aqwa SEBĦ tal-ġrajja Maltija.  Hu kien fisser lil dawk preżenti l-kuntatti li kien diġa għamel dwar dan il-ħsieb tiegħu ma diversi persuni interessati fosthom u qabel kollox il-Wisq Reverendissimu Kapitlu tal-Kolleġġjata.

Pawlu Asciak kien stqarr li għal dik il-laqgħa kellu l-approvazzjoni sħiħa ta’ l-istess Kapitlu li kien għaddielu l-kundizzjonijiet tiegħu biex ikunu nklużi fl-istatut.  L-abbozz ta’ l-istatut kien tħejja mis-Sur Asciak innifsu li ppreżentaħ għad diskussjoni u l-approvazzjoni ta’ l-ewwel laqgħa.  Fil-fatt, wara xi tibdil żgħir, l-istatut ta’ l-Għaqda kien approvat dakinhar stess. Maż- żmien, sal lum, fl-istatut ta’ l-Għaqda saru diversi emendi.  L-istatut fil-fatt ġie emendat fl-14 ta’ Frar 1975, fid-19 ta’ Frar 1980 u f’Mejju tal-1991 wara diversi seduti ġenerali.

Interessanti wieħed jinnota li l-ewwel President ta’ l-Għaqda ma kellux ikun, kif fil-fatt sar, Pawlu Asciak.  Fl-ewwel laqgħa tas-6 ta’ Novembru 1970, Pawlu Asciak stess kien ippropona li bħala President jinħatar Francis “Ċikku” Tabone, Pawlin ħabrieki li ta saħħtu għall-Għaqda tal-Pawlini, iżda dawk preżenti nkluż is-Sur Tabone innifsu qablu li billi kien Pawlu Asciak il-promotur ewlieni tal-laqgħa, hu kellu jinħatar bħala l-ewwel President ta’ l-Għaqda tal-Pawlini kif fil-fatt sar.

Patri Pawl Pisani, franġiskan, kien maħtur Segretarju ta’ l-Għaqda.  Patri Pawl illum mejjet, kien ukoll Pawlin kbir.  Fost l-ewwel affarijiet li għamel kien li kiteb talba biex tibda tingħad f’kull seduta tal-Kumitat.  It-talba kienet ittajpjata u għadha mwaħħla mal-qoxra ta’ l-ewwel ktieb tal-minuti sal-lum: “Kbir Appostlu Pawlu, żommna dejjem fidili lejk u lejn tagħlimek u għinna nxandru dejjem il-kobor tiegħek bħala Missierna, bl-entużjażmu kollu ta’ qlubna ‘uliedek’ Maltin, Amen”.

Emmanuel Asciak kien inħatar Teżorier u kienet saret elezzjoni biex jinħatru erbgħa membri propju kif kien għadu kif gie stabbilit fl-istatut.  Ta’ min ifakkar li għal din il-laqgħa kienu preżenti b’kollox tnax il-persuna.  Tlieta minnhom kienu diġa nħattru fil-karigi uffiċjali u għalhekk kien baqa disa.  Sitta minnhom kienu ikkontestaw biex jokkupaw l-erbgħa karigi bħala membri.